Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li din is-sena se jispiċċaw tliet ġudikanti u sakemm isir ix-xogħol ta’ riforma dwar kif jingħażlu dawk flokhom ma jistax ma jimlihomx bis-sistema preżenti. Meta wieġeb mistoqsija parlamentari minn Simon Busuttil, il-Ministru Bonnici qal li jekk ma jagħmilx hekk, ibgħatu ċ-ċittadini.
“Jiena smajt ħafna fuq ir-rule of law, iżda għalija l-aktar prinċipju kardinali tar-rule of law li ma tantx smajtu, huwa fuq il-bżonn li l-ġustizzja ssir u ssir fil-ħin. Għalija li l-ġustizzja ssir fil-ħin hija mportanti ħafna u jekk ikun hemm vakanzi fil-ġudikaturi li ma jimtlewx, jiġi kreat il-backlog, ħa jerġa’ jkun hemm id-dewmien u se jerġa’ jkun hemm iċ-ċittadin li jbgħati.”
Il-Ministru Bonnici qal li s-serħan il-moħħ tiegħu huwa li bis-sistema li għamel il-gvern laborista fl-2016, l-eżekuttiv diġa’ naqqas ħafna mill-poteri li kellu għaliex jista’ jappunta biss minn shortlist li hija sistema li ħadmet iżda l-Kummissjoni ta’ Venezja qed tipproponi tibdil.
Il-Ministru Bonnici qal li għal dal-gvern, l-ewwel prinċipju kardinali hija li l-ġustizzja ssir u ssir fil-ħin. “Ġustizzja li tiġi servuta tard hija inġustizzja!” temm jgħid.