Statistika tal-Eurostati turi li fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet, Malta kellha l-ikbar tnaqqis fid-dejn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel. Iċ-ċifri juru li Malta rreġistrat l-ogħla tnaqqis fid-dejn b’rata ta’ 3.1 punti perċentwali.
Malta kienet segwita biss mill-Islovenja u l-Kroazja bi tnaqqis ta’ 1.6 punti perċentwali, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka b’1.4 fil-mija, l-Olanda b’1.1 fil-mija u l-Polonja b’punt perċentwali.
Mill-banda l-oħra, sitt pajjiżi Ewropej fosthom il-Greċja, l-Italja, Ċipru u l-Belġju rreġistraw żieda fid-dejn meta mqabbel mal-Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżhom.
Fi statistika oħra ppubblikat mill-Eurostat joħroġ li matul l-istess perjodu Malta kellha l-ogħla surplus fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Malta kellha surplus ta’ 3.8 fil-mija segwita biss mill-Bulgarija u l-Portugall b’rata ta’ 3.6 fil-mija.
Għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni f’Malta, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej rreġistraw defiċit bil-medja Ewropea tkun ta’ 0.6 fil-mija, żieda ta’ 0.4 fil-mija meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel.
B’reazzjoni, il-Ministru għall-Finazi Edward Scicluna qal li dawn iċ-ċifri jagħmlu unur lill-pajjiżna u jiġbdu l-attenzjoni mhux biss tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll tad-dinja kollha.
Il-Ministru Scicluna qal li din hija l-istatistika li jfittxu l-aġenzija tal-kreditu u wera ruħu ottimist li għat-tieni sena konsekuttiva Malta tagħlaq il-kotba tagħha b’bilanċ pożittiv.