Sa llum hemm talba ta’ ftit aktar minn elf u erba’ mitt qabar, numru li ilu jikber għal aktar minn għoxrin sena. Il-gazzetta IT-TORĊA stqarret li bħalissa għaddej il-konvenju fuq l-oqbra li saret it-talba fuqhom.
Iż-żieda fl-oqbra se ssir matul it-tliet snin li ġejjin f’fażijiet differenti biex b’hekk l-oqbra jibdew jingħataw lis-sidien prospettivi hekk kif titlesta kull fażi.
Intant, se jsir proġett ta’ restawr ukoll biex terġa’ tagħti l-ħajja lill-istruttri tal-arkitettura li tħallew abbandunati u li mistenni jieħu madwar sitt snin biex jitlesta.
Il-pajsaġġi fl-akbar ċimiterju se jkunu qed jintranġaw ukoll, fejn uħud minnhom se jsiru mill-ġdid. Filwaqt li se jinżergħu siġar ġodda biex ikomplu jsebbħu l-post tal-mistrieħ etern.
F’kummenti li ta d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne lill-gazzetta IT-TORĊA, spjega kif permezz ta’ dan il-proġett il-Gvern se jkun qed jissodisfa id-domanda li kienet ilha snin tiġi posposta.
Sostna wkoll li se jsir tibdil sinifikanti fl-ambjent u fiż-żamma tiegħu. Tenna illi dak li daħal għalih il-Gvern kien ilu jinħass il-bżonn li jsir.