Dr. Muscat semma wkoll it-trasport pubbliku u qal kif dan qam fuq saqajh u meta mqabbel ma’ 10 snin ilu, illum mexjin ‘il quddiem.
Huwa reġa’ semma l-viżjoni tiegħu li għal snin li ġejjin it-trasport pubbliku jkun b’xejn għal kullħadd.
B’referenza għad-drittijiet ċivili, Dr. Joseph Muscat semma kif għaxar snin ilu konna pajjiż bla divorzju u kellna Gvern li jidħol fil-kamra tas-sodda tan-nies.
Saħaq kif illum pajjiżna għandu d-drittijiet ċivili u n-nies huma liberi li jiżżewġu lil min verament iħobbu.
Il-Prim Ministru semma wkoll kif illum l-investiment mhux biss tkattar iżda anki l-Gvern Malti qed jiffaċilita aħjar biex l-investituri jsibu art fertili f’pajjiżna.
Semma wkoll lil Għawdex u qal kif il-gżira tat-tliet għoljiet rat investiment qawwi.
Fil-kuntest tal-investiment semma kif miż-żjara li kellu fl-Indja nġab iżjed investiment u xogħol.
Hawnhekk semma kif l-Awtorità Maltija tal-Mediċini tmur l-Indja biex teżamina l-mediċini tal-kumpaniji tal-farmaċewtika Indjana.
Huwa semma wkoll l-investiment ta’ tliet miljun ewro tal-kumpanija Aurobindo.
Bidla oħra li tolqot in-nies kienet is-sitwazzjoni tal-Qrati fejn għaxar snin ilu kien hemm sitwazzjoni burokratika u llum din ġiet indirizzata u l-kawżi qed jinqatgħu fi żmien ferm iqsar.
Semma wkoll kif għad hemm fejn inbidlu fosthom fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u hawn hekk il-Prim Ministru qal li fadlilna naqdfu.
Il-Prim Ministru semma wkoll kif xi ħaġa oħra li baqgħet l-istess hija l-Partit Nazzjonalista.
“Dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern u kien maqsum minn rasu sa saqajh. Illum għadu l-istess”, saħaq Dr. Muscat.
Il-Prim Ministru semma wkoll il-fatt li pajjiżna assorba l-mija fil-mija tal-fondi Ewropej u qal li teżisti triq għat-telgħa biex ninegozzjaw pakkett finanzjarju aħjar għaliex ekonomikament pajjiżna sejjer tajjeb u allura l-Unjoni Ewropea kapaċi tnaqqas il-fondi.
Hawnhekk iżda semma kif Malta għandha argument b’saħħtu għaliex bi proċessi regolati rnexxielha tassorbi l-fondi kollha.