Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli f’laqgħa mal-Ministru Spanjol għall-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Kooperazzjoni Josep Borrell
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli ltaqgħet mal-Ministru Spanjol għall-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Kooperazzjoni Josep Borrell fil-Berġa t’Aragona.
Iż-żewġ Ministri tkellmu dwar temi kurrenti fil-kuntest tal-futur tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari dwar Brexit, il-migrazzjoni u l-qafas finanzjarju pluriennali.
Dalli u Borrell qablu li l-Unjoni għandha tibqa’ magħquda fil-pożizzjoni komuni tas-27 Stat Membru dwar Brexit. Iż-żewġ ministri qalu li rridu naħdmu ħafna biex din l-għaqda narawha wkoll fuq il-kwistjoni tal-migrazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Ministri sostnew li s-sitwazzjoni attwali mhijiex tenibbli u qablu li ma jistgħux jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet ad hoc għal kull vapur li jasal.
Għal kuntrarju, il-Ministri tennew l-impenn tagħhom favur mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni mandatorja maqbul bejn l-iStati Membri. Dan bil-għan li jintbgħat messaġġ ċar liċ-ċittadini li l-Unjoni Ewropea kapaċi tasal għal soluzzjoni ġusta abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà b’responsabbiltà, biex kulħadd jagħti is-sehem tiegħu.
Helena Dalli u Josep Borrell tkellmu wkoll dwar il-ħtieġa ta’ investiment sostenibbli fil-kontinent Afrikan bil-għan li tinbena reżiljenza waqt li r-realtà tal-migrazzjoni rregolari tiġi indirizzata fis-sors tagħha.
Fil-laqgħa spikka wkoll il-kunsens li n-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għandhom jintemmu malajr kemm jista’ jkun. Fil-laqgħa ssemmiet ukoll il-politika ta’ koeżjoni, bil-Ministru Helena Dalli ttenni l-importanza ta’ din il-politika Ewropea għal pajjiżna.