L-Awtorità tal-Ippjanar ħadet azzjoni diretta fuq art tal-Gvern f’Ta Qali li kienet qiegħda tintuża għar-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni b’mod illegali.
Is-sit li jkopri kważi ħamsin tomna ta’ art u li fil-passat kien jintuża biex jiġu mmanifatturati l-planki kien ukoll ta’ periklu kbir għall-familji, l-aktar dawk bi tfal li kienu jmorru għall-ftit mistrieħ f’dan iż-żona.
Crew ta’ One News seta’ jara lqugħ maqlugħ minn postu qrib żona ta’ rikreazzjoni u li warajh eżatt wieħed seta’ jsib ġiebja fonda moħbiha wara l-ħaxix.
Tiġbed l-għajn ukoll grada qadima u miftuħa li tipprovdi aċċess għaż-żona li fiha intrema l-iskart ta’ kostruzzjoni.
ONE News segwa mill-qrib ukoll l-azzjoni diretta tal-awtorità bl-uffiċjal tal-infuzar Charles Gafa jispjega kif l-Awtorità saret taf bir-rimi tat-terrapin u l-istat ta’ abbandun tas-sit grazzi għal ilmenti minn fuq il-midja soċjali.
Is-Sur Gafa tenna li minkejja li ma kien hemm ebda kuntatt ma’ min seta’ kien qed juża dan is-sit b’mod abbużiv, huwa maħsub li l-iskart tal-kostruzzjoni ntrema minn kuntratturi u bennejja li minflok stennew sabiex jarmu r-radam f’barriera, ħadu l-liġi b’idejhom u rmewh b’mod illegalment f’dan is-sit.
Is-Sur Gafa tenna li s-sit ser ikun ukoll mgħammar b’kameras tas-sigurtà. L-azzjoni diretta fuq dan is-sit għandu tieħu massimu ta’ ħmistax-il jum hekk kif jinvolvi xogħol estensiv.