Il-Qorti tal-Appell Kriminali ordnat li għandu jerġa’ jinstema’ l-każ ta’ Sirjan li kien instab ħati ta’ abbuż sesswali fuq tfajla Maltija.
Najm Fahd ta’ 23 sena kien ġie kkundannat erba’ snin u nofs ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati li fi żmien il-Milied tal-2015 ipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tfajla ta’ 16-il sena, li żammha kontra r-rieda tagħha, li attakkaha, u li kien taħt l-influwenza tax-xorb f’post pubbliku. Fil-Qorti kien instema’ li s-Sirjan gidem lit-tfajla u poġġa jdejh taħt id-dublett tagħha, qabel ma’ din iġġielditlu u ħarab.
Meta omm il-vittma saret taf b’dan il-każ, ħarġet tfittex lir-raġel u sabitu jkellem lil tfajla oħra, b’din tal-aħħar taħrab mal-ewwel ċans li kellha. Ir-raġel qal lil omm il-vittma li kien qed iħoss il-bard u li ried imur il-Ħamrun. Hija minnufih ċemplet lill-Pulizija iżda l-aggressur ħarab.
Jidher ukoll li l-vittma għarrfet lis-Sirjan meta ftit taż-żmien wara deher fuq l-aħbarijiet b’rabta ma’ reati simili. Meta l-Pulizija wettqet tfittxija f’daru, sabet flokk u sett ċwievet skont kif iddeskriviet il-vittma.
L-akkużat qal li l-Ewwel Qorti ma setgħetx tasal għall-konklużjoni li huwa ħati ta’ dan ir-reat għaliex il-provi li ppreżentat il-prosekuzzjoni ma jilħqux il-grad mitlub mill-liġi. Il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera osservat ukoll li l-Ewwel Qorti kkwotat artikolu mill-Kodiċi Kriminali li tagħha, is-Sirjan ma kienx qed jiġi akkużat, u allura, is-sentenza mgħotija minnha kienet nulla.
Il-Qorti ordnat li l-akkużat jitpoġġa fl-istess pożizzjoni li kien fiha qabel ma ngħatat is-sentenza mill-Ewwel Qorti, biex tingħatalu sentenza skont l-artikolu korrett mill-liġi.