Bohemian Rhapsody u Mamma Mia Here We Go Again kienu l-aktar żewġ films popolari f’pajjiżna matul is-sena li għaddiet. Dan skont stħarriġ li wettqet KRS, il-kumpanija Maltija li ġġib il-films f’pajjiżna.
Fil-fatt dak il-film li jfakkar il-leġġenda Fredie Mercury u l-grupp Queen dam fl-ewwel post tal-aktar film li ra nies għalih fis-swali taċ-ċinema għal seba’ ġimgħat sħaħ.
Il-KRS qalet li Bohemian Rhapsody kien it-tieni l-aktar film li raw il-Maltin kemm ilha ġġib films lejn pajjiżna Jaqbżu biss il-film Titanic, li ntwera ftit aktar minn 20 sena ilu.
Fl-istess livell ta’ kemm dam il-film popolari għal seba’ ġimgħat sħaħ huwa il-film Mamma Mia, bil-mużika tal-grupp Svediż ABBA.
Matul l-2018 il-kumpanija KRS ġabet fis-swali taċ-ċinema Maltin xejn inqas minn 146 film. 30 film minnhom ntwerew bħala 3-D. L-aktar film li dam fis-swali taċ-ċinema kien Johnny English Strikes Again. B’kollox dan dam ħmistax-il ġimgħa iżda l-film Bohemian Rhapsody jinsab warajh hekk kif s’issa ilu 13-il ġimgħa u għadu fis-swali taċ-ċinema.