L-istudju dwar l-impatt ambjentali kkonferma li s-Central Link Project kif qed ikun propost huwa l-aktar soluzzjoni effettiva u sostenibbli biex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta ewlenija bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali u titjieb il-kwalità tal-ajra fil-lokalitajiet tal-madwar.
Dan l-istudju flimkien ma’ oħrajn li saru minn esperti indipendenti, ġew ippreżentati lill-awtoritajiet tal-ambjent u tal-ippjanar mill-Aġenzija Infrastruttura Malta, biex issa jkun jista’ joħroġ il-permess għall-iżvilupp ta’ dan il-proġett b’investiment ta’ madwar €55 miljun.
L-istudju juri li dak propost huwa l-aħjar mod biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-arja f’dawn l-inħawi traffikużi ta’ pajjiżna, kif ukoll biex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar. Kuntrarju għal dak propost 13-il sena ilu, is-Central Link Project propost minn dan il-Gvern se juża 57% anqas art agrikola.
Infrastruttura Malta qalet li jekk il-prġett jibqa’ ma jsirx sal-2030, il-ħin tal-ivvjaġġar fl-inħawi se jirdoppja fil-ħinijiet bieżla tat-traffiku. Aktar minn hekk, dan se jwassal għal mija u erba’ fil-mija żieda fl-emmissjonijiet mill-karozzi, li jkun ta’ ħsara kbira għall-ambjent u għal saħħet il-bniedem.
Is-Central Link Project għandu l-għan li jtejjeb il-kwalitá u s-sigurtá fil-Bypass tal-Imrieħel, tul Triq l-Imdina f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, sar-roundabout tat-Telgħa tas-Saqqajja, u fl-inħawi ta’ Ta’ Qali.
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid ta’ 13-il junction, it-tneħħija ta’ erba’ sistemi tad-dwalijiet tat-traffiku, u żieda ta’ aktar minn seba’ kilometri korsiji ġodda.
Se jiġu introdotti wkoll diversi faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom passaġġi għall-mixi, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq li se jkun hawn fil-pajjiż.
Infrastruttura Malta qalet ukoll li lestiet il-pjanti finali li issa jinkludu wkoll il-bini ta’ flyover ġdida ta’ erbgħin metru waqt li t-triq b’żewġ korsijiet li se tinbena fit-tarf ta’ Ħ’Attard tbiegħdet aktar mill-inħawi residenzjali u se tieħu nofs l-art agrikola li kienet iddedikata għaliha.
It-triq arterjali ġdida se tinbena sular ‘l isfel mit-toroq residenzjali u b’hekk se jonqos l-impatt viżiv fuq id-djar f’Ħ’Attard.