Alfred Sant ikkritika bl-aħrax lill-Kummissjoni Ewropea għat-trattament sproporzjonat tagħha fil-konfront ta’ Malta meta mqabbel mal-każ ferm aktar serju tal-Latvja dwar infurzar ta’ regoli dwar ħasil ta’ flus. Dr Sant kien qed jirreaġixxi waqt mistoqsija supplementari fil-Parlament Ewropew għar-risposta tal-Kummissarju Vera Jourova għall-ewwel Mistoqsija Parlamentari tiegħu dwar x’azzjonijiet ħadet il-Kummissjoni Ewropea dwar l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus indirizzati lil Bank tal-Latvja ABLV.
Il-Kummissarju Yourova qalet li l-Kummissjoni hija konxja tal-ġrajjiet u tal-likwidazzjoni eventwali tal-Bank ABLV u qed tagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni wara li fetħet proċeduri
għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tar-Raba ‘Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus’ kontra l-Latvja f’Lulju 2017.
Fil-Mistoqsija Supplementari, Alfred Sant insista mal-Kummissarju Jourova li għandha tispjega għaliex u kif it-trattament ta’ Malta kien sproporzjonat meta mqabbel mal-mod kif imxiet mal-iskandlu tal-Latvja.
Alfred Sant qal li fil-każ tal-Latvja, il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel monitoraġġ tal-attivitajiet u ntbagħtu għadd ta’ ittri lil awtoritajiet ta’ kontra l-ħasil ta’ flus. Talbet ukoll investigazzjoni dwar il-ksur tal-liġi tal-UE mill-EBA. Il-Bank tal-Latvja ABLV kellu madwar $4.6 biljun dollaru Amerikan f’assi, immaniġġja transazzjonijiet li jammontaw għal għexieren ta’ biljuni ta’ dollari f’ġurisdizzjonijiet offshore.
Fil-każ ta’ Malta, argumenta Alfred Sant, il-Kummissjoni Ewropea talbet inkjesti preliminari li damu sentejn kif ukoll investigazzjonijiet fuq il-post. Talbet ukoll li tiltaqa’ mal-FIAU u tkun provduta aktar informazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea talbet ukoll lill-awtoritajiet Maltin biex jieħdu numru ta’ miżuri, waqt li kkontestat il-metodoloġija, l-istrateġija u l-abilita` tagħhom ta’ kif jirreaġixxu għal-proċessi ta’ ispezzjonijiet.
L-MEP Malti innota li l-Kummissarju Vera Jourova, fi stqarrijiet uffiċċjali għall-istampa, irreferiet għal-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus fil-kuntest ta’ “Malta u pajjiżi oħra” u ripetutament irreferiet għad-dgħufija sistematika ta’ Malta meta irreferiet għal każ tal-Bank Pilatus. Iċ-Ċerman ta’ Pilatus Ali Sadr Hashemi kien akkużat li għadda $115 miljun dollaru Amerikan minn banek Amerikani.
Il-Bank tal-Latvja ABLV ġie implikat b’ħasil ta’ flus, tixħim ta’ uffiċċjali u iffaċilitar tal-ksur tas-sanzjonijiet kontra l-Korea ta’ Fuq. L-Unita` li tinvestiġa r-reati finanzjarji tal-Istati Uniti akkużat lil ABLV li l-ħasil ta’ flus għamlitu l-pilastru tal-prattiċi kummerċjali tal-bank għal bosta snin u li l-bank tal-Latvja kien involut f’serq ta’ $1 biljun dollaru Amerikan f’assi minn banek tal-Moldova frodulenti. ABLV, it-tielet l-akbar bank tal-Latvja, ġie illikwidat wara akkużi ta’ ħasil ta’ flus istituzjonalizzat.