Tliet persuni ġew arrestati wara li l-Ħadd filgħaxija l-iskawdra ta’ kontra d-drogi, flimkien minn uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit, l-Ispecial Intervention Unit u mgħejjuna mill-Pulizija tat-Traffiku wettqu rejd kbir fil-Marsa.
L-operazzjoni ta’ kontra d-droga seħħet għall-ħabta tas-19:30 f’razzett fi Triq it-Tiġrija fejn fuq il-post ġew arrestati minn tal-inqas tliet persuni, bil-Pulizija ssib persuna mitlufa minn sensiha fejn mhux qed ikun eskluż li kienet taħt effett ta’ ammont eċċessiv tad-droga.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku bil-persuna li kienet mitlufa minn sensiha ttieħdet l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza biex tirċievi l-kura meħtieġa.
Sorsi qrib ONE News qalu li fil-post li fih saret it-tfittxija nstab aċtu qawwi li jeqred il-provi u xi tipi ta’ droga.