Mohamed Aswid ta’ tmienja u ħamsin sena li joqgħod Ħal Qormi inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ bintu.
Huwa kien akkużat mill-Ispettur Trevor Micallef li kkawża biża’ li tintuża vjolenza fil-konfront ta’ bintu, li heddidha u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’każ separat.
L-akkużat talab għall-ħelsien mill arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona għal dan abbażi li dan mhux l-ewwel darba li seħħ dan l-abbuż, li għad trid tinstema it-tifla u li jista’ tkun hemm tbabis fil-provi.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u rrevokat il-ħelsien mill-arrest li l-imputat kien ingħata f’każ ieħor.