F’siegħa programm Għandi Xi Ngħid, ippreżentat mill-Professur Andrew Azzopardi, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għamel tliet kwarti jitkellem dwar il-qasma u l-kriżi li għandu fil-partit li jmexxi.
Konferma tal-inkwiet intern u kemm fil-Partit Nazzjonalista ħadd m’hu jara għajn m’għajn, tefa’ botta ċara lill-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li fl-aħħar jiem kien wieħed mill-ftit uffiċjali tal-partit li insista li jitlaqqa’ l-amministrazzjoni tal-partit biex jiddiskuti l-kwistjoni Adrian Delia.
B’din id-dikjarazzjoni Delia kompla jisfida lil min qed joħroġlu għan-nofs u kkonferma li internament hemm min qed jagħmillu l-gambetti.
F’ħin fuq il-programm li xxandar fuq ir-radju tal-istat spiċċa jittituba meta l-preżentatur staqsih dwar il-ħsara li qiegħda ssir fil-Partit Nazzjonalista.
U jekk qatt kien hemm xi dubbju li Delia mhux jara għajn ma’ deputati mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Delia nfexx jgħajjarhom u qal li fl-aħħar ġimgħat l-anqas biss ried jismagħhom.
Fil-programm Delia ftaħar kemm felaħ li ġabar in-nies fl-istamperija għall-attività tal-bidu tas-sena iżda kkonferma li l-eks Kap Simon Busuttil, l-ex viċi kap Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi lanqas indenjaw imorru warajh għall-attività li ssejħet bħala turija ta’ appoġġ għat-tmexxija tiegħu.
Hawnhekk waslilhom messaġġ b’turija ċara li jekk huma qed jaħdmu biex itajrulu rasu, huwa se jagħmel minn kollox biex ċertu rjus fil-Partit Nazzjonalisti, itiru.
Fil-programm issemma’ wkoll il-każ tal-eks goalkeeper ta’ Birkirkara Miroslav Kopric li jinsab mixli b’korruzzjoni fil-football.
Fi żmien li Delia kien President tal-klabb ta’ Birkirkara hemm allegazzjonijiet li huwa ħa lill-goaler f’garaxx u ħa l-liġi b’idejh billi interrogah hu. Deċiżjoni li fi kliem il-preżentatur tista’ tiswa lill-klabb eluf kbar ta’ ewro. Għal dan kollu, Delia ħassu sorpriż u evita milli jwieġeb il-mistoqsijiet għax qal li m’għadux involut fil-klabb.