In-nuqqas ta’ aċċess għall-morning after pill twassal għad-diskriminazzjoni għax iċċaħħad lin-nisa milli jeżerċitaw iżjed kontroll fuq ħajjtihom. Hekk stqarret il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) meta esprimiet pożizzjoni favur il-morning after pill tkun disponibbli f’pajjiżna wkoll.
L-NCPE stqarret li l-kontraċezzjoni ta’ emerġenza hija importanti biex tippreveni tqala mhux mixtieqa. Il-Kummissjoni nnutat li metodi ta’ kontraċezzjoni ta’ emerġenza, bħall-IUD (coil) huma diġà disponibbli f’pajjiżna. Għaldaqstant, argumentat il-Kummissjoni, il-morning after pill iżżid l-aċċess għall-kontraċezzjoni ta’ emerġenza u tissalvagwardja id-drittijiet ta’ kull mara billi tassigura li s-servizzi offruti fis-suq huma disponibbli għan-nisa kollha.