L-Arċisqof Charles Scicluna kritika l-infiq li sar fil-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision. Mons. Scicluna kien qed jitkellem fuq Radju Malta waqt il-programm ‘Għandi Xi Ngħid’ ta’ Andrew Azzopardi.
Huwa qal li minn fuq flus il-poplu ntefqu fondi fil-Eurovision u l-istazzjon nazzjonali lanqas tah rendikont ta’ dan. L-Isqof Scicluna li apparti temi oħrajn spiċċa jħaqqaqha fuq il-Eurovision għadda baraxx ta’ kritika fuq il-kowt teknoloġiku li nxtara għal Ira Losco u li minħabba intoppi fuq il-palk spiċċa ma ntużax.
Lil hinn mill-batuti ta’ Mons. Scicluna, li jwieġeb direttament lejn is-Santa Sede ta’ Ruma, fil-Eurovision huwa eleġibbli li jipparteċipa anki l-Vatikan.
Dan għaliex l-istat tal-Vatikan huwa membru attiv tal-EBU, li huwa l-organizzatur ewlieni tal-festival.
B’hekk mhux magħruf jekk l-Arċisqof Scicluna hux mistenni jkun il-konsulent tal-Vatikan, kemm il-darba dan jieħu sehem fl-imbierek Eurovision!