Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Chris Cardona, qal lill-Korp Diplomatiku li Malta toffri stabbiltà politika, filwaqt li l-Gvern qed jinvesti biex iħejji lil-pajjiż għal futur. Huwa qal li Malta għandha rata ta’ tkabbir ekonomiku li tiżboq dik ta’ ħafna pajjiżi Ewropej, u l-inqas rata ta’ qgħad.
Id-Deputat Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar l-isfidi li għaddejja minnhom id-dinja din is-sena. Semma l-kwistjoni tal-immigrazzjoni u qal kif sal-bieraħ stess Malta għal darb’oħra kienet protagonista biex jintlaħaq ftehim fil-kwistjoni tad-49 immigrant li nqabdu bejn sema u ilma u dan billi kien hemm qbil bejn tmien pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jilqgħu lill-istess immigranti. Madankollu huwa saħaq li minkejja din it-turija ta’ solidarjeta’,Malta hija pajjiż żgħir u ma nistgħux naħarbu mir-responsabbilita li nħarsu lejn is-sigurta nazzjonali tagħna.
Tkellem ukoll dwar il-Ġnus Magħquda u n-network internazzjonali ta’ ambaxxati li għandha Malta, u li permezz tagħhom trid tkompli tibni relazzjonijiet politiċi, tidentifika opportunitajiet ekonomiċi, waqt li ssaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta madwar id-dinja.