Il-film “Destroyer” hu destinat li jibqa’ mfakkar bħala wieħed fejn l-attriċi Nicole Kidman ngħatat parti mhux tas-soltu. Kidman uriet kemm hi kapaċi tinterpreta partijiet mhux eleganti kif is-soltu tinterpreta. Hija għandha l-parti tal-investigatur Erin Bell, mara bil-vizzju tax-xorb li torqod jew f’bar jew inkella fil-karozza.
In-nuqqas ta’ vanità f’Kidman f’dan il-film hija impressjonanti però l-aktar ħaġa li tiġbed l-għajn hija l-mod mhux ammirevoli li tinterpreta. Hi rnexxiela tkisser ir-relazzjoni mar-raġel tagħha (Scoot McNairy) kif ukoll ir-relazzjoni ma’ bintha Shelby, il-parti maħduma minn Jade Pettyjohn. Dan biex ma nsemmux ir-relazzjoni mal-kollega tagħha tax-xogħol (Shamier Anderson). Ix-xogħol medjokri tagħha fil-korp tal-pulizija juri li m’hemmx motivazzjoni għall-ġustizzja, imma il-fatt tinsab fi stadju ħażin f’ħajjitha.
Ir-raġuni li Erin tinsab għaddejja minn din il-fażi ħażina hi, li 20 sena ilu, hi marret fuq missjoni li marret kompletament ħażin. L-aġent tal-FBI (Sebastian Stan) u hi ngħataw l-inkarigu biex jinfiltraw ċirku ta’ ħallelin. Il-film jalterna bejn l-investigazzjoni li tkun għaddejja dak il-ħin u flashbacks mill-esperjenza qarsa fuq ix-xogħol li għaddiet minnha.
L-iskript inġenjuż juri kemm Kidman kienet persuna diżgustanti, però iktar ma tkun bla skrupli, l-udjenza tinġibed aktar lejha. “Destroyer” jitratta lil Kidman bħala eroj. L-udjenza fl-aħħar jibqgħu bil-mistoqsija “Min hu dak li jfarrak kollox, Erin, li farrket ħajjitha u ħajjet ħaddieħor jew il-medda taż-żmien li tkisser il-karattri kollha tal-film?”