Surġent tal-Pulzija ġie ordnat iħallas €23,626 wara li l-Qorti Ċivili sabitu ħati li kkaġuna danni fuq sewwieq wara sparatura li tmur lura 21 sena f’Tas-Sliema.
Kien fl-20 ta’ Settembru tal-1995, meta Charles Azzopardi kien għaddej bil-karozza tiegħu mit-triq Qui-Si-Sana. Quddiem il-Qorti, is-sewwieq stqarr li sab żewġ persuni f’karozza weqfin fil-ġenb tat-triq u filwaqt li wieħed minnhom kellu pistola f’idejh, għamlulu sinjal biex iwaqqaf il-karozza fil-ġenb tat-triq.
Huwa qal li dawn ma kinux lebsin l-uniformi u lanqas kien hemm x’jindika li kienu Pulizija u għalhekk beża’ mill-intenzjoni li kellhom, bil-konsegwenza li ħarab minn fuq il-post bil-karozza. Stqarr li waqt li kien għaddej, wieħed mill-Pulizija, is-Surġent Frank Sciberras, dak iż-żmien kuntistabbli, sparalu tir ta’ pistola.
Għalkemm baqa’ għaddej għal ftit metri tul it-Triq Hughes Hallett, waqaf quddiem bar jitlob għall-għajnuna peress li kien ferut. Konsegwenza ta’ dan l-inċident, Azzopardi ġie ċċertifikat li kien fil-periklu tal-mewt.
Huwa qal li wara li sarlu intervent kirurġiku biex titneħħa l-balla baqa’ jsofri minn diżabilità permanenti.
F’verżjoni kuntrastanti, iż-żewġ pulizija involuti f’dan l-inċident, Frank Sciberras u s-Surġent Sandro Magro, qalu li waqt li kienu qegħdin jagħmlu r-ronda bħala membri pajżana tal-Iskwadra Kontra d-Droga f’Tas-Sliema meta lemħu karozza li qajmitilhom suspett, peress li kienet qiegħda ssuq bil-mod lejn nofs tat-triq, u meta Azzopardi għamlilhom sinjal biex jaqbżuh, qalgħu din il-karozza.
Irrakkuntaw li waqt li għamlu l-manuvra, Azzopardi għaddielhom kumment dispreġjattiv u għalhekk iddeċidew li jwaqfuh biex jaraw għala kellimhom hekk u biex issir spezzjoni. Kien hawn li permezz tal-karozza tagħhom imblukkaw it-triq u filwaqt li Magro niżel mill-karozza biex jordna lis-sewwieq jieqaf u indikalu li kienu Pulizija.
Hawnhekk, fi kliemhom, Azzopardi rriversja bis-saħħa, għaqqad ir-roti u qala’ jiġri bis-saħħa biex isuq ’il quddiem. Filwaqt li s-Surġent Magro nħasad u nqaleb mal-art, il-kollega tiegħu, li sadanittant laħaq niżel mill-karozza, jgħid li ra lil Azzopardi jsuq għal fuqu.
Hawnhekk iddeċieda li joħroġ l-arma tas-servizz u spara tir li hu jgħid kien intenzjonat li jolqot ir-rota ta’ quddiem tan-naħa tax-xufier biex iwaqqfu u jevita li jolqtu bil-karozza.
Iż-żewġ pulizija sabu lil Azzopardi b’ferita f’koxtu, bil-pulizija jixhed li kien hawn li ntebah li ma kienx laqat it-tajer tal-karozza iżda t-tir kien għadda mill-bieba tax-xufier u laqat lil Azzopardi.
Sciberras jisħaq li huwa kien meħlus kemm mill-inkjesta maġisterjali kif ukoll minn dik maħtura mill-Prim Ministru, u li baqa’ jaħdem bħala pulizija tant li applika u laħaq Surġent.
Il-Qorti nnutat li filwaqt li l-verżjoni taż-żewġ pulizija kienet konsisenti, kien hemm nuqqas ta’ konsistenza minn Azzopardi għax fl-ewwel affidavit jgħid li ra lill-pulizija jispara mill-mera tal-ġenb, li jimplika li t-tir kien ġej minn warajh, mentri fil-kontroeżami li sarlu qal li dan rah mill-ġenb tat-tieqa.
Mill-banda l-oħra, il-Qorti qalet li l-Pulizija kellu jispara tir fl-ajru bħala warning shot, jaqbeż min-nofs, jew jitlob l-assistenza mill-control room biex jinqabad is-sewwieq.
Fl-2012, il-Qorti Ċivili sabet lil Sciberras ħati u talbitu jħallas lis-sewwieq is-somma ta’ €33,878. Kien hawnhekk li l-pulizija appella mis-sentenza bil-Qorti tal-Appell tnaqqas s-somma għal €23,626. Madankollu ċ-ċifra xorta tlaħħaq it-€30,000 hekk kif il-Qorti ordnat li jħallas l-imgħax li jibda jiddekorri mid-19 ta’ Ġunju, 2012, data tal-ewwel sentenza.