Jannar, ix-xahar magħruf għas-sales u minkejja l-kesħa li ħakmet f’dawn l-aħħar jiem kienu bosta li rħewlha lejn Triq ir-Repubblika fil-Belt u f’diversi stabbilimenti tax-xiri biex forsi jixtru xi oġġetti li kellhom bżonn bi prezzijiet iraħħsa.
Jispikkaw id-diversi tabelli mal-vetrini bl-iskontijiet ta’ bejn l-20 u l-50 fl-mija biex jattiraw il-konsumatur lejn il-ħwienet.
Bosta li tkellimna magħhom qalu li minkejja li ma jistennewx is-sales biex jixtru li jkollhom bżonn fosthom ir-rigali tal-Milied, is-sales xorta waħda jattirawhom biex jixtru bi prezzijiet imraħħsa.
Il-prezzijiet imraħħsa jinżlu tajjeb wara l-infieq fil-festi tal-Milied u b’hekk ikun hemm min qed jistenna biex jixtri l-affarijiet orħos, filwaqt li oħrajn jispiċċaw bil-basket f’idhom minkejja li ma jkollhomx bżonn jixtru l-oġġett.
Spikka wkoll il-kuntrast bejn min jara s-sales li huma tajbin u oħrajn li kienu tal-fehma li l-prezzijiet tas-sales mhux dejjem ikunu ġenwini.
Intant, wieħed mill-bejjiegħa li tkellmina magħhom qal li hemm tendenza li l-ewwel ma jinħatfu jkunu l-iżgħar sizes u li s-sale fuq ħwejjeġ ta’ taħt u aċċessorji normalment ikunu mill-anqas għax huma affarijiet li tista’ ssib tixtrihom s-sena kollha.
Fuq kollox, tal-parir li partikolarment f’dan iż-żmien tas-sena, l-ewwel jinxtraw il-prijoritajiet imbagħad affarijiet oħra li mhux daqshekk ta’ bżonn.