Attivista tal-Occupy Justice irriżenjat wara li allegaament qalet li ntalbet tiġbor donazzjonijiet illegali għal aktar minn darba fl-aħħar għaxar xhur.
Fi stqarrija, Erika Mizzi allegat li fl-aħħar xhur, l-għaqda li tipprietka tant fuq il-governanza tajba talbitha tiġbor donazzjonijiet illegali minn diversi attivitajiet soċjali, chats fuq siti elettroniċi, u waqt viġilji li xi membri tal-għaqda jorganizza għall-blogger Daphne Caruana Galizia. Dan anke jekk hi kemm-il darba ġibdet l-attenzjoni li dan huwa illegali, għaliex il-liġi Maltija tgħid li persuna jew entità ma tistax titlob donazzjoni mingħajr permess tal-pulizija jew mingħajr ma tkun NGO reġistrata. Hija qalet li l-qalba tal-Occupy Justice insistiet li jekk l-attivisti jagħtu sehemhom, l-informazzjoni kollha tkun ippubblikata.
Mizzi allegat kif kienu l-kelliema ewlenija tal-għaqda, Pia Zammit, Clemence Delia, Sammi Davis, u s-sieħba ta’ Simon Busuttil, Kristina Chetcuti, li talbu għal dawn id-donazzjonijiet, li jidher li kienu qed isiru kuljum fuq gruppi ta’ WhatsApp ta’ bejn il-membri u waqt l-attivitajiet. Huwa stmat li l-għaqda tiġbor bejn €5,000 u €6,000 kull xahar.
B’kollox, Occupy Justice qalet li għamlet mal-€50,000 fl-14-il xahar li ilha teżisti mingħajr ma ġġustifikat dan, u għadu lanqas hu magħruf min qed jibbenefika personalment jew politikament minn dawn il-ġabriet.
Intant, ikkuntattjata minn one.com.mt, Pia Zammit qalet li ma tafx min hi Erica Mizzi li ma kellhix kummenti x’tagħmel dwar l-allegazzjonijiet serji li saru fil-konfront tagħha u ta’ Occupy Justice.