Il-Papa Franġisku spiċċa daħal bejn basla u qoxritha. Dan hekk kif f’messaġġ li għadda spiċċa uża l-kelma ġenoċidju, b’referenza għal qtil massiċċ li wettqu t-Torok fuq Armeni matul l-ewwel gwerra dinjija.
Il-Papa bħalissa jinsab fil-kapitali Armena, Yerevan u huwa fakkar il-madwar miljun u nofs Armen Kristjan li nqatlu mill-Imperu Ottoman.
Il-kwistjoni tal-ġenoċidju fuq il-poplu Armen hija waħda kontroversjali u r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Armenja u t-Turkija ma tantx huma tajbin minħabba f’hekk.
It-Turkija ilha snin twal tirribatti l-idea li seħħ ġenoċidju filwaqt li s-sena l-oħra, l-Armenja kienet qed tiċċelebra l-mitt anniversarju minn dak li skontha kien tindif etniku sistematiku fuq il-popolazzjoni Armena.