L-ewro. Il-munita uffiċjali ta’ 19 minn 28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala ż-żona ewro. L-ewro hija t-tieni l-akbar munita fid-dinja llum il-ġurnata, wara d-dollaru Amerikan. Munita li fl-1 ta’ Jannar tagħlaq 20 sena mit-tnedija tagħha.
Huwa stmat li 343 miljun ċittadin Ewropew uża l-ewro kuljum tul l-2018.
Il-ħsieb ta’ munita għall-Unjoni Ewropea beda mit-Trattat ta’ Masstricht fl-1992, bl-isem ‘ewro’ jitwieled uffiċjalment f’Madrid nhar is-16 ta’ Diċembru tal-1995. Hawnhekk, kien deċiż li din għandha tkun introdotta fis-suq finanzjarju dinji fl-1 ta’ Jannar tal-1999 f’forma mhux fiżika, jiġifieri kienet tintuża biss f’trasferimenti tal-bank, ċekkijiet, jew trasferimenti ekonomiċi.
Fl-ewwel ta’ Jannar tal-2002 saret l-akbar qalba ta’ munita fl-istorja, hekk kif l-ewro issa bdiet tintuża miċ-ċittadini b’mod fiżiku. L-ewwel pajjiżi fiż-żona ewro kienu l-Awstrija, il-Belġju, il-Finalandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, u Spanja. Sitt snin wara, fl-1 ta’ Jannar tal-2008, Malta ssieħbet maż-żona ewro, hekk kif rajna t-tmiem tal-Lira Maltija, u l-introduzzjoni tal-munita ewro bħala flusna.
Illum, l-ewro hija t-tieni l-aktar munita b’saħħitha fid-dinja wara d-Dollaru Amerikan. Fost oħrajn, il-munita ewro saħħet is-Suq Waħdieni Ewropew u l-operat tal-Bank Ċentrali Ewropew. Fl-istess ħin, studju li jsir b’mod regolari mill-Kummissjoni Ewropea juri li l-introduzzjoni tal-ewro kellu mpatt pożittiv ferm fuq it-turiżmu intern fl-Ewropa, hekk kif it-turisti frankaw l-iskariġġ li jeqilbu minn munita għal oħra meta jsiefru.
Tant hu hekk, li l-Kummissjoni Ewropea tgħid li mill-introduzzjoni tal-ewro, it-turiżmu bejn l-Istati Memrbi kiber b’6.5%.