F’kollegament telefoniku xott fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, jekk xejn kompla jikkonferma li l-qasma fil-partit li jmexxi għadha hemm sal-ġurnata tal-lum.
Propju fl-aħħar appuntament politiku b’mod dirett din is-sena, Delia kompla jikkonferma li hemm min irid jattakkah u jimminah.
Delia qal “Jattakkaw il-pożizzjoni tiegħi, jattakkaw il-pożizzjoni tiegħi kemm bħala Kap tal-Oppożizzjoni, kemm bħala Kap tal-Partit.”
Li Delia jinsab f’sitwazzjoni fejn ma jgawdix l-appoġġ tal-grupp parlamentari u jinsab attakkat minħabba l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap mhix storja ġdida.
Filfatt mhux biss sabha bi tqila li xi ħadd iċedilu s-siġġu parlamentari biex ma jispiċċax f’sitwazzjoni li jkun Kap tal-Partit Nazzjonalista iżda mhux Kap tal-Oppożizzjoni, iżda wkoll fost id-deputati tiegħu, qajla sab min joħroġ għonqu għalih.
Fuq ir-radju, Delia kompla ma’ dak li stqarr is-Sibt filgħaxija fi stqarrija li ħareġ fejn sostna li hemm min qed jipprova jdawwar kwistjoni personali li għandu, f’waħda politika.
Għall-attakki li hu sejjaħ bħala attentati malinni, fuq ir-radju, Adrian Delia ta x’jifhem li din il-kwistjoni ta’ firda li issa kompliet tilħaq l-ogħla livelli mhux se tieqaf hawn.
Delia qal “Mhux ħa ninjorah lanqas, jiġifieri ħa nara, min hemm warajh, min għandu dawn l-intenzjonijiet, jekk hemm bżonn nieħu passi, nieħu passi.”
B’din id-dikjarazzjoni li lest jieħu passi, bosta nies li ilhom iduru l-kuriduri tal-istamperija qalu li se jkompli jkun diffiċli biex Delia jkompli jipprova jagħti l-impressjoni li l-Partit Nazzjonalista huwa magħqud.
Apparti li biex jagħti din l-impressjoni, kellu jċedi għall-establishment u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Delia matul din is-sena kellu jdoqq l-irtirata u kemm-il darba mar lura minn kliemu, bħal meta l-ewwel wera ‘l bieb ta’ barra lil Busuttil hekk kif ħareġ li l-istorja ta’ Egrant hi gidba ċċertifikata iżda imbagħad kellu jċedi u lil Busuttil żammu miegħu.