“F’Malta sibna nies twajba b’ospitalità mill-aqwa; madankollu ix-xewqa tagħna hija li nerġgħu lura pajjiżna.”
Dan kien kliem Mohamed Ibrahim, il-President tal-komunità Sudaniża f’Malta waqt dimostrazzjoni fil-Belt Valletta kontra l-Gvern Sudaniż.
Dimostrazzjoni li saret b’reazzjoni għal protesti fis-Sudan li ħallew 19-il persuna mejta u ’l fuq minn 200 midruba.
Protesti li saru hekk kif il-Gvern Sudaniż għolla l-prezz tal-ħobż.
Fid-diskors tiegħu Mohammed Ibrahim iddeskriva s-sitwazzjoni kritika fis-Sudan fejn qal li ħafna kellhom jaħarbu hekk kif f’dawn l-aħħar 30 sena ħafna ġew mċaħħda mill-bżonnijiet bażiċi tagħhom, u b’hekk bdew ibatu l-faqar.
Is-Sur Ibrahim sostna kif is-Sudaniżi f’pajjiżhom bdew isemmgħu leħinhom, imma l-Gvern Sudaniż ħasad il-ħajja ta’ wħud minnhom, b’riżultat li kkawża biża’.
Mistoqsi dwar Malta, il-President tal-Komunità Sudaniża f’Malta wera l-apprezzament tiegħu għall-poplu u l-Gvern Malti, u spjega li l-Maltin huma nies b’qalb tajba.
Madankollu minkejja l-kumdità li l-poplu Sudaniż sab f’Malta, il-ħolma tagħhom xorta tibqa’ li jirritornaw lura fil-pajjiż li tant jgħożżu.