Aktar minn 13-il elf student qed jibbenefikaw mill-wegħda elettorali tal-Gvern ta’ tablet għal kull wild.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia fejn spjega kif dawn it-tablets inxtraw permezz ta’ aktar minn disa’ miljun ewro ta’ fondi Ewropej. Huwa spjega kif “fl-2016 il-Ministeru għall-Edukazzjoni resaq lejna biex jieħu Fondi Ewropej għall-proġett One Tablet Per Child. Dan ġie mgħoddi lilhom u ngħataw €9 miljun ta’ Fondi Ewropej li bih ġie mplimentat mill-proġett. L-għan kien li nħeġġu lit-tfal jibqgħu jistudjaw sabiex neliminaw l-early school leavers, imma wkoll inressqu lill-istudenti lejn id-dinja tal-ICT”.
Dr Farrugia spjega kif kull tifel u tifla li jinsabu fir-raba’ sena tal-iskola primarja qed jingħataw tablet sabiex ikompli jgħinhom fl-istudji tagħhom. Huwa qal ukoll li l-fondi miksuba qed ikopru wkoll it-taħriġ tal-għaliema u l-ġenituri fuq l-użu ta’ dawn it-tablets:
“Mhux biss tajna tablet lil 13,000 student Malti u Għawdxi, kif ukoll ħarriġna lill-għalliema, 17,000 ġew imħarrġa, imma wkoll ġew imħarrġa ġenituri u għaddejna apps li jintużaw fil-ħajja studenteska ta’ kuljum”.