Għexieren ta’ sewwieqa ta’ taxis ddedikaw il-jum għat-tfal li jgħixu fid-djar għat-tfal. Madwar 280 tifel u tifla qattgħu l-ġurnata jiddevertu minn attività għal oħra li tħejjew għalihom mis-sewwieqa tat-taxis bejn it-08:00 u t-20:00.
Wara li nġabru mid-djar, it-tfal ħadu kolazzjoni fiċ-ċentru Nazzjonali tax-Xjenza Interattivia Esplora u wara daru mal-madwar 200 esebit li hemm f’dan iċ-ċentru li jixprunaw interess akbar f’suġġetti xjentifiċi.
John Cauchi, wieħed mill-imħuħ wara din l-attività qal li x-xufiera jħossu għafsa ta’ qabel x’ħin jasal il-ħin biex iwassluhom lura lejn id-djar tagħhom:
“It-tfal lanqas tkun tista’ titlaqhom tant kemm jieħdu pjaċir u inti magħhom, li kif tarahom sejrin dawn ħlewwa ta’ qalb taqbdek kull sena u huma kull sena jarfuna u aħna nagħrfu lillhom, veru jieħdu pjaċir ħafna t-tfal.”
Ix-xufiera tat-taxis ilhom jorganizzaw din attività li saret bħal tradizzjoni għas-sewwieqa tat-taxis għal dawn l-aħħar sebgħa u tletin sena kif qalilna Anthony Galea:
“Jien ilni 37 sena nagħmilha, bl-għajnuna ta’ sħabi wkoll. It-tfal noħorġuhom kull sena jieħdu pjaċir. Issa f’dawn l-aħħar erba’ snin komplew sħabi fejn li ħallejt jien, xtaqu jkomplu u jekk il-bambin irid inkomplu nagħmluha għax jien jieħdu pjaċir it-tfal u magħhom nieħdu pjaċir aħna.”
Attivitajiet bħal dawn ifissru ħafna għal dawn it-tfal, hekk qalet ma’ ONE News, Sister Paula Schembri:
“Huwa avveniment speċjali ħafna għalihom għax jagħmlu ġurnata jduru bil-white taxis, għalihom hija xi ħaġa speċjali. avolja jkollna aktar attivitajiet, din hija l-aktar attività li huma jieħdu gost. aparti minn hekk din tkun ġurnata sorpriza, jiġifieri ma nkunux nafu fejn sejrin u dak l-element ta’ sorpriża lit-tfal jogħġobnhom ħafna.”
Intant din l-attività sfrattat għal xi ħin wara li erba’ vetturi tat-taxis kienu involuti f’ħabta fil-Marsa. B’xorti tajba ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident u l-attività kompliet għaddejja f’kumpless f’Baħar iċ-Ċagħaq u aktar tard b’festin tal-Milied fil-hanger tal-Lufthansa Technik.