Il-Pulizija mhux qed teskludi li n-nar li ħakem il-komun ta’ blokka appartamenti fil-Gżira tqabbad apposta. Dan hekk kif il-pumpiera tal-Protezzjoni Ċivili sabu tliet tyres jaqbdu quddiem wieħed mill-appartamenti tal-ewwel sular.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalulna wkoll li ftit tal-ħin qabel, minn dan l-istess appartament instema’ argument jaħraq bejn numru ta’ persuni. Għalekk mhux qed ikun eskluż li persuna li tirrisjedi f’dan l-appartament ta n-nar lit-tliet tyres bħala tpattija għal xi ħadd ieħor. Il-persuna li dak il-ħin kienet fil-flat kien kostrett jaqbeż minn ġo tieqa sabiex jevakwa l-appartament li kien imtela bi dħaħen qawwija.
Is-sorsi tagħna kkonfermaw ukoll li kienet mara waħda ta’ 67 sena li sofriet minn ġrieħi ħfief b’rabta ma’ dan il-każ.
Minn tfittxijiet li saru wkoll fl-ewwel appartament il-Pulizija sabet numru ta’ sustanza li hija ssuspettata droga kif ukoll xi dmija mal-art.
Dan il-każ seħħ ftit wara l-4:00 ta’ filgħodu fi Triq Rue D’Argens il-Gżira. Immedjatament fuq il-post marru membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li tfew in-nirien u evakwaw il-blokka minħabba d-dħaħen qawwija li kien hemm. Fuq il-post issejħu wkoll numru ta’ timijiet mediċi mill-isptar Mater Dei fejn taħt it-tmexxija tal-Konsulent tal-Emerġenza Dr Michael Spiteri taw l-ewwel għajnuna lil dsatax-il ruħ li kienu għadhom kif ġew evakwati. Kawża tal-iskala tal-inċident issejħet ukoll il-vettura tal-Major Incident Support Unit madankollu kulħadd għajr persuna waħda ingħata il-kura fuq il-post.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għadejjin.
19 patients treated on site for smoke inhalation and 1 other being seen at MDH casualty after Rue D’Argens fire. Well done to our medical and CPD teams. pic.twitter.com/dzm1n02WHG
— Chris Fearne (@chrisfearne) December 24, 2018
Ritratti: CPD