B’tal-Linja għall-Istrina se terġa’ ssir għat-tielet sena, hekk kif Malta Public Transport se tagħti donazzjoni mill-vjaġġi lill-Malta Community Chest Fund Foundation. Nofs in-noll imħallas minn kull passiġġier li juża t-trasport pubbliku nhar it-22 ta’ Diċembru se jmur direttament għall-Istrina, mingħajr ebda ħlas żejjed mill-passiġġieri.
“Malta Public Transport hija kburija li għal darba oħra qed tikkontribwixxi għall-Istrina u tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies,” ħabbar Konrad Pulé, General Manager ta’ Malta Public Transport. “L-Istrina mhix sempliċiment ġbir ta’ fondi, iżda hija festa nazzjonali ta’ solidarjetà u aħna nemmnu li l-komunità tan-negozju għandha tieħu l-opportunità biex issib modi innovattivi kif tappoġġja din it-tradizzjoni sabiħa. Is-sena l-oħra rnexxielna niġbru €38,000 minn din l-inizzjattiva, flimkien mad-donazzjonijiet mingħand il-kollegi tagħna, u nittamaw li jirnexxielna niġbru iżjed din is-sena grazzi għall-għajnuna tan-nies li se jużaw tal-linja nhar is-Sibt.”
Malta Public Transport se toffri nofs in-noll ta’ kull vjaġġ, li jitħallsu kemm bit-Tallinja card jew bil-biljetti li jinxtraw minn fuq il-karozzi tal-linja, kollha għall-kawża. Il-passiġġieri li jużaw it-Tallinja Cards tal-Adulti, Studenti u ta’ Għawdex iħallsu €0.75ċ għall-vjaġġ, filwaqt li dawk li għandhom cards ta’ Konċessjoni jew tat-Tfal iħallsu €0.25ċ. Biljetti ta’ €1.50c jistgħu jinxtraw mingħand ix-xufier.
Is-somma li tinġabar minn din l-inizzjattiva ser tingħaqad mad-donazzjonijiet li għamlu l-impjegati ta’ Malta Public Transport matul is-sena.