Maqtulin bix-xogħol meta ħaddieħor qed jieħu gost. Din hija l-kumpanija E-Cabs li stabilixxiet ruħha sew fil-qasam tat-trasport privat.
Ma jistax jonqos li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi wkoll ix-xogħol ma jonqos kif jispjega tajjeb il-Kap Eżekuttiv ta’ E-Cabs, Matthew Bezzina.
“L-industrija hija industrija li tippeakja meta s-soċjetà tagħna l-aktar tieħu pjaċir. Minn punto di vista operattiva hija challenging ħafna għax għandek l-ecabs f’dawn iż-żminijiet fejn tkun super busy.”
Il-Kap Eżekuttiv spjegalna wkoll li din il-kumpanija tuża programm tal-informatika teknoloġika maħdum f’Malta u dan l-aħħar reġgħet għamlet investiment biex isaħħaħ dan il-programm.
“It-teknoloġija tal-E-Cabs hija teknoloġija mibnija f’Malta minn Malta, ovvjament għas-suq Malti. Kulħadd jaf kemm l-infrastruttura ta’ Malta hija kumplikata, kemm hija densa u l-bżonnijiet tal-istakeholders kollha qed jiġu inklużi mas-sistemi u l-pjattaformi tagħna.”
Intant,żar l-uffiċini tal-kumpanija f’Paceville il-Ministru responsabbli mit-trasport, Ian Borg. Fil-preżenza tal-Ministru, il-Kap Eżekuttiv spjega kif il-kumpanija li ilha disa’ snin topera l-ħin kollu għaddejja bil-ħidma ma taqta’ xejn 24 siegħa, sebat ijiem fil-ġimgħa.