Malta mistennija tkun il-bażi ta’ bank li se jibda jagħti servizz lill-kumpaniji tal-blockchain u l-crypto-currencies, li s’issa ma setgħux jingħataw is-servizzi li kellhom bżonn mill-banek tradizzjonali.
Jidher li l-kumpanija RnF Finance Limited, sieħeb ewlieni ta’ OK Group f’Malta, se tkun qed topera bħala l-istituzzjoni tal-kreditu hekk kif l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, tawtorizza dan.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Roderick Psaila, spjega li l-bank il-ġdid tal-blockchain se jħaddan erba’ friegħi ewlenin tan-negozju, li huma:
- Li joffri servizzi bankarji lil korporattivi;
- Self ta’ flus;
- Immaniġġjar ta’ servizzi bankarji privati, u
- Wealth management.
Il-bank mistenni jinvesti qatigħ fit-teknoloġija tal-blockchain u l-intelliġenza artifiċjali, partikolarment fl-ewwel ftit snin tal-operat tiegħu. Dan sabiex il-bank ikun jista’ jattira varjetà ta’ klijenti b’mod effiċjenti, filwaqt li jassigura li qed isir assessjar utli tar-riskji.
RnF qalet li tinsab lesta beix tibda’ l-operat bankarju sa minn nofs is-sena l-ġdida, la darba l-MFSA tapprova l-operat.