Mario Zammit, ta’ 44 sena minn Ħaż-Żabbar ingħata tlett snin probation wara li agredixxa u kkawża ġrieħi ħfief u li m’humiex ta’ importanza fuq tfajla f’Ħaż-Żabbar stess u serqilha basket li fih ma kellux oġġetti ta’ valur kbir. Huwa ġie akkużat ukoll li huwa riċediv.
Il-prosekuzzjoni immexxija mill-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Joanna Piscopo, spjegat kif ir-raġel ġie arrestat wara li t-tfajla saħqet li r-raġel għarfitu. Il-prosekuzzjoni kompliet tgħid li Zammit ammetta mill-ewwel u kkollabora sew mal-pulizija.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrieħ u reġa’ kkonferma dan wara li l-maġistrat tal-għassa, Dr.Rachel Montebello tatu ħin sabiex jaħsibha u jitkellem mal-avukat tiegħu. L-avukata Dr. Yanika Bugeja qalet li l-akkużat wera x-xewqa li ma jkunx difiż minnha. Madankollu, meta mistoqsi mill-maġistrata huwa aċċetta li l-avukata tiddefendieħ. Wara li l-qorti rat il-fedina penali tal-akkużat, il-qorti nnuttat li jkun aħjar jekk jingħata probation sabiex ikun assistit mill-probation officer tiegħu. Għalhekk il-Qorti tatu tlett snin probation u wissietu biex ma jwettaqx reat ieħor.