Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis ħabbar li sar ftehim ma’ tliet għaqdiet mhux governattivi li għandhom irwol importanti ħafna fil-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fl-isport sabiex jirċievu għajnuna finanzjarja, li flimkien tammonta għal aktar minn €20,000.
Anthony Agius Decelis qal li dan il-gvern jemmen fl-inklużjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b’diżabilità. Huwa saħaq li l-arti, il-kultura u l-isport huma importanti ħafna għax dawn l-aspetti jsaħħu l-inklużjoni soċjali u jagħtu sens ta’ twettiq u sodisfazzjon lil persuna. Huma sferi fejn persuna jista’ jkollha potenzjal kbir tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha, anka bil-possibiltà li jkollha karriera f’dawn is-setturi.
“Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw għaqdiet jaħdmu bis-sħiħ sabiex persuni b’diżabilità mhux biss jipparteċipaw fl-isport, imma jagħrfu l-potenzjal tagħhom u jkollhom l-opportunità li jikkompetu ma’ atleti oħrajn barra minn xtutna”, kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Huwa spjega li dawn huma passi żgħar li jfissru aktar opportunitajiet għal persuni b’diżabilità, li jagħtu appoġġ lill-għaqdiet biex jilħqu l-għanijiet tagħhom, ifissru wkoll aktar kollaborazzjoni bejn dawn l-għaqdiet u l-gvern, kif ukoll aktar ġustizzja soċjali, li huwa riżultat ta’ ekonomija b’saħħitha.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Mark Musù qal li dawn l-għotjiet huma importanti għaliex dawn l-għaqdiet qegħdin jagħtu servizz fil-komunità. Huwa sostna li l-gvern se jkun qiegħed joffri l-appoġġ tiegħu permezz ta’ dan il-ftehim.
It-tliet għaqdiet li se jibbenefikaw minn din l-għotja huma l-Malta Paralympic Committee, Special Olympics, u Frame Football Malta.