Sitt kumpaniji tal-gaming f’Malta kellhom il-liċenzja sospiża mill-Awtorità Maltija tal-Logħob. Dan joħroġ mir-rapport tal-awtorità li jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena u li matulhom daħal fis-seħħ qafas regolatorju ġddid li saħħaħ l-infurzar fis-settur tal-gaming.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Heathcliff Farrugia saħaq fuq il-ħtieġa ta’ inforzar fuq l-operaturi li għandhom liċenzja f’Malta biex titħares ir-reputazzjoni ta’Malta:
“Ħadna l-licenzji lil 6 kumpaniji li kienu joperaw f’Malta. Għandna anke figura fejn 35 persuna kienu imwaqqfa milli jkunu b’xi mod involuti f’xi liċenzja tal-Awtorità. Għalija dak huwa importanti, aħna mhux biss interessati mill-aspett ekonomiku, imma rridu nipproteġu l-ġurisdizzjoni u nagħmlu xogħolna bħala regolatur u rridu nkunu certi li dawk il-businesses ikunu fit and proper”.
Ir-rapport juri li wkoll li l-awtorità solviet kważi elf u tmien mitt ilment li sarulha minn diversi lagħba.
Is-Sur Farrugia spjega kif l-azzjonijiet ta’ infurzar kif ukoll is-sospensjoni ta’ liċenzja fuq il-kumpaniji u l-operaturi tal-Gaming huwa kkawżat minn diversi raġunijiet fosthom ksur ta’ regolamenti:
“Ikun hemm ukoll ħafna investigazzjonijiet għaddejjin. Jekk jinqabadx risk appetite, jekk inħossu li liċenzja partikolari għal raġuni tkun qed tesponi lil Malta għal riskji, hemmhekk nieħdu deċiżjoni li nwaqqfuha”.
Minn kemm ilha li daħlet fis-seħħ ir-raba direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus, l-Awtorita’ flimkien mal-Aġenzija kontra l-Frodi u l-Ħasil tal-FLUS l-FIAU għamlu aktar minn erbgħin spezzjonijiet fil-post minn fejn l-operaturi tal-Gaming qegħdin joperaw f’pajjiżna:
Aħna Malta fl-aspett tal-gaming għandna wħud fost l-akbar kumpaniji f’din l-industrija. Meta għandek kumpaniji daqsehkk kbar ir-reputazzjoni hija kollox, huma ma jridux jiġu assoċjati ma’ ġurisdizzjoni jew regolatur li mhux serju. Aħna fid-dover li biex nipproteġu kemm il-ġurisdizzjoni ta’ Malta u l-operaturi li jkunu ssetjati Malta, aħna fid-dover biex nipproteġu lilhom ukoll”.
Ir-rapport juri li sa Ġunju li għadda, 300 kumpanija kienu lliċenzjati f’Malta u bejniethom qed iħaddmu sitt elef u tmien mitt impjegat full-time.