L-aħħar stħarriġ mill-Awtorità tax-Xandir għax-xahar ta’ Ottubru juri kif ONE News għandu udjenza massima ta’ 66,000 persuna. Dan filwaqt li NET News għandu udjenza massima ta’ 27,000 persuna.
Dan ifisser li ONE News huwa segwit minn aktar mid-doppju tal-persuni li jsegwu l-aħbarijiet fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista. Interessanti wkoll li f’ċertu ġranet l-udjenza tal-aħbarijiet ta’ ONE tqarreb dik tal-istazzjon Nazzjonali.
L-istħarriġ, li jkopri x-xahar meta l-istazzjonijiet bdew għaddejin bl-aktar skeda importanti, jiġifieri dik tal-ħarifa, juri wkoll kif l-istazzjon ONE huwa segwit minn medja ta’ 75,000 persuna, u jsegwi l-istazzjon Nazzjonali. NET TV huwa segwit minn inqas minn 9% tal-popolazzjoni, jiġifieri 36,000 persuna.
Il-programm Pjazza ta’ Karl Stagno Navarra baqa’ l-aktar popolari mill-istazzjonijiet lokali kollha, fil-ħin tiegħu tul il-ġimgħa kollha. Arena, preżentat minn Ramona Attard huwa fost l-iktar programmi ta’ ġrajjiet kurrenti popolari.
Filwaqt li Aġenda u ONE Breakfast bdew tajjeb ukoll bil-ONE Breakfast preżentat minn preżentaturi ġodda wara nuqqas ta’ sena jirbaħ l-udjenza tal-istazzjon Nazzjonali f’ċertu ġranet. Paperscan baqa’ l-iktar programm ta’ analiżi tal-gazzetti segwit.
Intant, Divison 7 ġiet ikkonfermata bħala l-aktar drama popolari mill-istazzjonijiet kollha b’udjenza ta’ kważi sittin elf l-Erbgħa filgħaxija.
Min-naħa l-oħra ONE Radio reġa’ kien ikkonfermat mill-ġdid bħala l-aktar stazzjon segwit f’pajjiżna b’wieħed mill-aqwa riżultati f’kull żmien. Fil-fatt is-semmiegħa huma aktar mid-doppju ta’ Bay Radio, l-istazzjon li ġie fit-tieni post. Riżultat b’saħħtu ħafna mar għall-breakfast show fuq ir-radju ta’ ONE preżentat minn Noel Camilleri.
Sibt il-Punt ma’ Manuel Micallef baqa’ l-iktar programm ta’ diskussjoni u ġrajjiet kurrenti popolari fuq l-istazzjonijiet kollha tar-radju. Semmiegħa li jħabbtuha ma’ wħud mill-aqwa programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq it-televiżjoni. Temi, programm ieħor ta’ ġrajjiet kurrenti fuq ir-radju saħħaħ il-faxxa tal-ħin tan-nofs siegħa ta’ wara nofsinhar fejn il-massimu tas-semmiegħa ntlaħaq kull nhar ta’ Ġimgħa.
Intant, fil-ħin li fuq ir-radju jixxandru d-diskorsi tal-mexxejja politiċi, il-ONE għadda n-NET FM b’xi sitt darbiet.