Il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz indirizza konferenza stampa wara li r-Renju Unit iddeċieda li ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropea u ivvota favur BREXIT.
Huwa saħaq li jeħtieġ ikun hemm rispett kemm bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Huwa esprima d-diżapunt tiegħu għal dan ir-riżultat, iżda saħaq ukoll li jeħtieġ nirrispettaw s-sovrenita’ tal-pajjiż.
Il-Parlament Ewropew se jkollhu rwol importanti f’dan il-proċess. Huwa saħaq li kull deċiżjoni se tkun ibażata fuq Artiklu 50 tat-Trattat. Aċċena li dan huwa żmien diffiċli mhux biss għar-Renju Unit iżda għall-pajjiżi kollha tal- Unjoni Ewropea. Spjega li issa rridu naraw x’inhuma l-passi legali u ta’ proċedura li jmiss.
Irrefera wkoll għad-diskors li għamel il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron, u stqarr li l-fatt li se jirriżenja f’Ottubru se jkun qed joħloq dibattitu waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se ssir nhar it-Tlieta.
L-arranġamenti l-ġodda li kien innegozja David Cameron issa saru ‘Null’. Schulz spjega li l-membri stati tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ jiddiskutu kif se jipproteġu ż-żona ewro u jindirizzaw ir-realta’ tas-suq finanzjarju.