Il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil il-Ħadd filgħaxija reġgħet kienet fil-qofol ta’ vġili ieħor mal-istess nies li ftit tal-jiem ilu talbu għar-riżenja tal-kap Nazzjonalista Adrian Delia. Dan ġara wara li l-ġurnal The Times of Malta żvela li Delia jinsab investigat dwar ħasil ta’ flus li ġejjin minn briedel tal-prostituzzjoni f’Soho, Londra.
Fost id-deputati preżenti ma’ folla ta’ ftit għexieren kien hemm id-Deputat Jason Azzopardi. Meta mistoqsi jaqbilx ma’ Occupy Justice li qed jitolbu għat-tkeċċija’ ta’ Delia mit-tmun tal-partit, viżibilment skomdu, għamel minn kollox sabiex jaħrab mill-mistoqsijiet ta’ ONE News.
Wara li ma kellux aktar fejn jaħrab, kellu jkun l-avukat Andrew Borg Cardona li daħal bejn il-camera u Azzopardi biex jipprova jostakola l-ħidma tal-ġurnalisti.
Id-Deputati Claudio Grech, Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina li wkoll kienu parti mill-folla u ċapċpu għad-diskorsi kollha wkoll ma weġbux il-mistoqsija tal-ġurnalisti u bħal Azzopardi, ħassewhom skomdi u użaw ir-retorika sabiex jaħarbu mill-mistoqsijiet.
Prezenti wkoll kien hemm id-deptutata Nazzjonalista Claudette Buttigieg li ngħaqdet mal-ġemgħa li sejħet għar-riżenja tal-kap tagħha mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Għal dan il-vġili attenda wkoll l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li fi tmiem iċ-ċerimonja ħareġ mill-ġenb tal-pjazza sabiex jevita kull kuntatt mal-ġurnalisti.
Intant, waqt id-diskorsi dwar il-libertà tal-espressjoni u protezzjoni lill-ġurnalisti spikka kumment ta’ Andrew Borg Cardona fejn għajjar lill-ġurnalisti fqar.
L-Occupy Justice ma kinux l-uniku nies li talbu għar-riżenja tal-Kap Adrian Delia. L-editorjal ta’ The Times sejjaħ ukoll għat-tneħħija mit-tmun tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia wara li nnotat in-nuqqas ta’ konsistenza tiegħu li jitlob għar-riżenja ta’ kull min ikun investigat, iżda rrifjuta li jimxi mal-kejl tiegħu stess wara li sar magħruf li jinsab taħt investigazzjoni.