Is-sena ta’ Valletta 2018 bħala l-Belt Kapitali tal-Kultura tasal fi tmiemha llejla bil-kbir bl-attività ‘L-Aħħar Festa’.
‘L-Aħħar Festa’ se tilħaq il-qofol fi pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, fejn il-gruppi mużikali Tribali, The Brass House Unit u l-artist Ozzy Lino fost l-oħrajn se joffru spettaklu f’din il-pjazza.
Fost l-oħrajn dan il-jum se jimmarka l-ftuħ għall-pubbliku tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-MUŻA.
Mużew li se jiftaħ mill-għaxra ta’ filgħodu sa tard filgħaxija.
Dawk li se jmorru fil-kapitali Maltija jistgħu wkoll iġeddu l-memorji tas-Sinfjonija ‘Elfejn u Tmintax’ fil-Ftuħ Uffiċjali fi Pjazza San Ġwann hekk kif il-kor tal-Valletta18 se jkanta ukoll fl-ispettaklu.
Fi Pjazza Teatru Irjal se jittella’ kunċert mużikali minn ‘Mewġa Mużika’, l-orkestra tal-komunità.
Dan filwaqt li t-toroq tal-Belt Valletta se jaraw ukoll installazzjoni interattiva mifruxa fuq diversi siti bl-isem ta’ Memory Wall, li se tfakkar l-attivitajiet ewlenin mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.
Biex b’hekk il-ħarsa diġà qiegħda ’l quddiem lejn l-Aġenzija Kulturali li twieldet bħala parti mil-legat ta’ Valletta elfejn u tmintax, din is-sena mimlija arti u kultura llum tingħalaq b’attività oħra denja tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.