Fi programm speċjali fuq ONE dwar ir-referendum li sar ilbieraħ fir-Renju Unit il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li dan kien riżultat li isorprenda lill-bosta u spjega kif is-swieq finanzjarji qed juru sterlina li sejra ħażin.
Huwa spjega kif il-Gvern Malti għandu l-pjan lest biex jindirizza dan it-tibdil. Matul ix-xhur li għaddew diversi Ministeri għamlu l-istudju tagħhom dwar l-implikazzjonijiet kollha li jista’ jkun hemm fuq pajjiżna. Dawn huma studji speċjalizzati fuq diversi oqsma li jagħmlu lil Malta lesta għal din l-eventwalita’. Huwa saħaq li hemm punti fejn pajjiżna se jitlef u oħrajn fejn Malta se tigwadanja, u se jkun qed jiġi assigurat li nieħdu kull opportunita’.
Fl- 10.00a.m se jkun qed jiltaqa’ l-kabinett li għalih se jkun hemm ukoll preżenti numru ta’ persuni li l-Prim Ministru jemmen li jistgħu jagħtu kontribut.
“Irrid inkun ċar minn dalgħodu, li bħala Gvern Malti preparati għal din ir-realtà ġdida, minkejja li mhijiex xi ħaġa li xtaqna, issa li ġrat id-dover tagħna huwa li natwaw il-pjan li preparajna.”
It-Tnejn li ġej il-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jagħmel stqarrija fil-Parlament filwaqt li t-Tlieta jipparteċipa fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
Huwa saħaq li l-Unjoni Ewropea trid twieġeb għal dan is-sinjal b’saħtu u li trid tkun tweġieba differenti għal kull pajjiż. Spjega wkoll l-importanza li jkollna Ewropa aktar flessibbli u realistika.