Il-Gvern ħabbar skema li se tfisser li l-plastik mormi fil-baħar se jkun jista’ jinbidel fi flus. Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri spjega kif b’dan il-proġett pilota s-sajjieda tat-tkarkir se jibdew jingħataw kumpens għall-plastik li jaqbdu max-xbieki tas-sajd tagħhom.
Camilleri qal li bħalissa hemm disgħa sajjieda f’dan il-proġett pilota. Dawn se jkunu qed jitħallsu skont il-piż ta’ plastik li jkun ġabar u daħħal lura lejn il-port.
“Hija l-ewwel skema ta’ din ix-xorta ser inkunu qegħdin ninvolvu lid-dgħajjes tat-tkarkir. dan waqt li jkunu qegħdin jistadu bix-xbieki jiġbru ammont ta’ plastik. Sal-lum il-ġurnata dan il-plastik ma kienx jinġabar u jiddaħħal il-port u b’din l-iskema dan il-plastik se jkun jista’ jiġi rriċiklat.”
Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li din mhix l-uniku inizjattiva li ħa l-Gvern favur l-ambjent marittimu u spjega kif ftit tax-xhur ilu ħaseb sabiex jinbidel il-mod ta’ kif jinqabdu l-lampuki.
Il-prassi ta’ bħalissa hija li jintuża ix-xlief tan-nylon u ladarba jagħlaq l-istaġun l-istess xlief jispiċċa abbandunat u mormi f’qiegħ il-bahar. Minħabba f’hekk il-Gvern qed jistudja jekk in-nylon jistax jinbidel ma’ wieħed li huwa bijodegradabbli iżda li huwa kapaċi jservi għal tul l-istaġun kollu.
“Qabel is-sajf jien tajt direzzjoni lid-dipartiment biex jeżaminaw jekk aħna inbiddlu l-użu tal-plastik u flok nylon nużaw materjal bio-degrabbli iżommx għall-istaġun kollu tal-lampuki. minn testijiet li saru l-istess effett se jkun hemm”
Għalekk il-Ministru ma eskludiex li fis-snin li ġejjin is-sajd għall-lampuki jista’ jkun aktar sostenibbli u nadif għall-ambjent.