B’investiment ta’ €5 miljun, ġiet inawgurata Dar Pinto f’Ħal Qormi. Dar għall-anzjani li għandha 148 sodda mifruxa fuq ħames sulari.
Il-kmamar huma kollha mgħammra b’apparat mediku li jiżgura kura ta’ kwalità u dinjità lill-anzjani.Id-dar fiha wkoll żewġ kmamar tal-ikel arjużi u mdawlin li jħeġġu lill-anzjani joħorġu mill-kmamar tagħhom u jintegraw mar-residenti l-oħra; f’ambjent li jixpruna l-inklużjoni.
Sar ftehim ma’ kuntrattur tal-ikel biex ikun żgurat ikel konformi mal-linji gwida fid-Dipartiment tal-Anzjani.
Sar ukoll ftehim ma’ numru ta’ tobba u spiżeriji fl-iskema tal-POYC biex ikunu disponibbli f’kull ħin tal-ġurnata.
Fl-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-messaġġ ta’ din id-dar “committed to care” jimxi paripassu mal-prinċipju tal-Gvern – li hija dar fil-komunità li tħeġġeġ l-inklużjoni fost l-anzjani.
Fakkar fiż-żieda fil-baġit għall-anzjani, u kif is-sena d-dieħla 92,000 anzjan u anzjana se jieħdu żieda fil-pensjoni tagħhom.
Intant, Dar Pinto se tilqa’ l-ewwel anzjani f’nofs Jannar li ġej.