19-il membru tal-Unjoni Ewropea, fuq inizjattiva ta’ Malta, iffirmaw dokument informali kontra d-diskriminazzjoni u l-abbuż fuq persuni LGBTI.
Dan id-dokument se jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida li se tkun iffurmata s-sena d-dieħla.
Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar fi Brussell, il-Ministru Helena Dalli qalet li b’dan id-dokument qed nisħqu li kull persuna għandha tgawdi mill-istess drittijiet. Il-pajjiżi li laqgħu l-inizjattiva ta’ Malta jinkludu l-Italja, Franza, il-Ġermanja, Spanja, il-Portugall, il-Lussemburgu, il-Belġju, l-Olanda, ir-Renju Unit.Il-Ministru Dalli qalet li l-pajjiżi li ngħaqdu ma’ Malta qed jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom biex il-Kummissjoni Ewropea tkompli tindirizza d-diskriminazzjoni.
Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, Malta qed tkompli sservi ta’ vuċi u bil-fatti turi l-impenn tagħha biex tassigura kwalità ta’ ħajja aħjar lil persuni LGBTI.