Ġorġ tal-Mużew, jew kif nafuh ukoll, Ġorġ l-Għannej tal-Mulej, ġie ppremjat il-premju speċjali għall-ħajja ddedikata għall-volontarjat 2018 waqt serata ġewwa l-Palazz tal-Belt Valletta.
Din is-serata ġiet organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, u ċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Noel Camilleri fil-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat.
Il-President Coleiro Preca qalet li jekk hawn xi ħaġa li bħala soċjetà rridu ngħożżu, huwa l-volontarjat, għaliex mhux biss hemm is-sagrifiċċju personali tal-individwi, li mill-ħin ħieles tagħhom ikomplu jikkontribwixxu lis-soċjetà, iżda hemm ukoll is-sagrifiċċju tal-familji tagħhom. Iktar minn hekk, is-sehem tal-membri tal-volontarjat ma’ jitkejjilx għaliex il-valur tagħhom huwa kbir.
“Il-fatt li min jaħdem fil-volontarjat qiegħed jaħdem b’risq ħaddieħor hu valur ta’ eżempju kbir u li jinkoraġġixxi r-reżiljenza fis-soċjetà tagħna. Jiena nemmen ħafna li s-soċjetà Maltija hija tant b’saħħitha għax għandha diversi membri li huma mpenjati f’oqsma differenti bħala voluntiera. Fattur ieħor li fil-fehma tiegħi huwa ta’ importanza huwa l-fatt li l-volontarjat organizzat fl-għaqdiet diversi fis-soċjetà ċivili jagħmel statement qawwi ta’ ċittadinanza attiva. Jien norbot dan is-sehem mad-demokrazija tagħna, għaliex bis-saħħa tal-attiviżmu tal-voluntiera, qed insaħħu wkoll id-demokrazija parteċipattiva”, tenniet il-President.