Dan li qed taraw huwa x-xogħol ta’ restawr li għaddej bħalissa fuq l-arkata ikonika tal-capomastro Malti Giovanni Barbara. L-arkata li tħares ‘il barra fuq Marsamxett għandha kważi tlett mitt sena. Iġġarrfet fit-tieni gwerra dinjija u baqgħet tibki għar-restawr għal għexieren ta’ snin.
Il-binja hija arkata mżerżqa li teħtieġ tqattigħ u tinġir tal-ġebel b’mod preċiż u b’sengħa sabiex jintlaħqu l-forma u l-pożizzjoni eżatta ta’ kull ġebla.Fuq il-lant tax-xogħol iltqajna mal-Perit responsabbli mill-proġett, Jean Frendo li spjegat li l-arkata hija kampjun brillanti tal-inġinerija militari għax minnha s-suldati setgħu jiddefendu lilhom infushom mill-għadu. Dan billi jisploduha waqt l-irtirata u b’hekk iżommu lill-għadu barra mill-ħitan esterni.
Jean Frendo qalet li “biex jipproteġieh, ikkrea volti biex kemm minn taħtha minn taħtha minn ġol-foss u kemm minn parapetti diversi fuq is-swar ikun jista’ jipproteġi aħjar is-swar minn din in-naħa. Issa din il-volti hija msejħa wkoll bħala l-arkata ta’ Barbara. Dawn il-kontramini kienu maħsubin biex f’każ ta’ rtirata jiġu sploduti u b’hekk l-għadu ma jibqax javvanza.”
Xi ħaġa li fortunament ma ġratx. Madankollu l-arkata jidher li ħelsitha bi żbrixx wara li ġarrbet xi ħsarat waqt it-tieni gwerra dinjija.
Il-Perit Frendo spjegat li x-xogħol ta’ restawr jinkludi t-tqattiegħ u tqegħid ta’ ġebel ġdid u ieħor li ġġarraf tul is-snin.
Spjegat li fl-aħħar xhur sar xogħol ta’ tindif minn taħt tal-arkata u anke min-naħa ta’ barra tal-arkata fejn naddafna u mlew il-fili b’taħlita apposta. Hija qalet li “peressli il-mina minn taħt għandha, kellha skorċa skura kannella skura ħafna u din m’hix adekwata bħala wiżż ta’ għal xiex ħa jintuża. Għaliex se jintuża bħala parti mill-galleriji tal-MICAS, Malta International Contemporary Art Space, qed inneħħuha b’mod kawt, b’tip ta’ microsandblasting imma li ma jagħmel l-ebda ħsara lill-ġebla”.
Spjegat li l-proċess li jmis hu l-bini tas-samorotti neqsin. Frendo qalet li “il-proċess li jmiss huwa li jintrama armar li jkun isegwi l-parti ta’ ġewwa tal-arkata intradoss ħalli b’hekk inkunu nistgħu nerġgħu ndaħħlu nibnu s-samrotti nieqsin”.
Hija temmet tgħid li lejn l-aħħar l-arkata se tintrabat mal-fortifikazzjoni u b’hekk ma tigix tahdem weħidha u l-piz jinqasam fuq iktar filati.