Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed iħeġġeġ lill-MUT kun pro-attiva u tkun imsieħeb ewlieni fit-tiġdid tas-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. Dan b’reazzjoni għat-tħassib li wriet l-istess MUT dwar is-sistema My Journey.
Fi stqarrija, il-Ministeru tenna li jemmen li s-suċċess mixtieq u meħtieġ fl-edukazzjoni jinkiseb meta l-partijiet jiġu flimkien bl-intenzjoni li jkomplu jtejbu u jġeddu biex fir-realtà l-affarijiet jitwettqu.
Il-Ministeru fakkar kif permezz ta’ My Journey, id-direttorati u l-entitajiet konċernati qed jaħdmu biex l-esperjenza edukattiva fl-iskejjel tkompli tkun waħda ekwa, ta’ kwalità u inklussiva. Għalhekk, minn din is-sena skolastika bdew jiddaħħlu sillabi ġodda u l-enfasi fuq is-suġġetti li hemm u li se jkunu introdotti bħalma kienu suġġetti oħrajn fis-snin riċenti. Bħalma kien isir, kwistjonijiet relatati mat-timetable qed jingħataw l-attenzjoni dovuta mid-dipartiment responsabbli.
Dan se jkompli jissaħħaħ is-servizz marbut mal-għażla tas-suġġetti, issa wkoll għall-ewwel darba permezz tas-sit elettroniku My Journey – Explore More (http://exploremoreproject.eu),biex l-istudenti jkunu infurmati dejjem aktar u aħjar qabel jagħmlu l-għażliet tagħhom.
Bħalissa għaddej ukoll xogħol infrastrutturali ġdid fuq madwar 50 workshop għal suġġetti vokazzjonali u applikati ġodda li qed u se jkunu qed jiġu mgħallma fl-iskejjel sekondarji. Dan b’investiment ta’ madwar €10 miljun u qed isir biex bħal kull suġġett ieħor, is-suġġetti vokazzjonali u applikati jkollhom l-ispazji tagħhom ukoll.
Il-Ministeru temm jgħid li s-sistema My Journey mhux biss hu s-suġġetti vokazzjonali u applikati, imma hu tiġdid tal-esperjenza edukattiva fl-iskejjel tagħna.
Fuq kollox, bħalma taf l-MUT minn laqgħat li jkollha mal-Ministeru, l-ebda għalliem mhu se jispiċċa mingħajr impjieg.