Omm ta’ ħamest itfal li ammettiet li għamlet rapport falz ta’ stupru fil-konfront tas-sieħeb tagħha, ingħatat sentenza sospiża ta’ ħabs mill-Qorti. Bianca Hoyer, li għandha 33 sena u hija mill-Ġermanja, tressqet il-Qorti l-Erbgħa, fejn kienet akkużata li għamlet rapport falz fil-konfront tas-sieħeb tagħha, li huwa wkoll Ġermaniż, minkejja li kienet ċerta li hu kien innoċenti.
Fil-Qorti kien spjegat kif il-mara jidher li kienet qed tibża’ li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu se jippruvaw jieħdulha l-iżgħar wild tagħha, u għalhekk, ħarġet bl-istorja tal-istupru. Iżda, meta l-pulizija bdiet tinvestiga, sar magħruf li l-istorja kienet ivvintata.
L-avukat difensur Joseph Brincat spjega li l-iżgħar wild tal-akkużata kien l-isptar, u l-akbar inkwiet tal-omm kien saħħet uliedha. Huwa rrimarka wkoll li l-akkużata kkoperat tajjeb mal-pulizija waqt il-ħin tal-arrest.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Maġistrat Doreen Clarke iddikkjarat lil Bianca Hoyer ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha, u tatha sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn, kif ukoll ordnatilha interdizzjoni li se tibqa’ fis-seħħ għall-għaxar snin li ġejjin.