12-il deputat Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista minn din il-leġiżlatura kienu wkoll fl-ogħla istituzzjoni nazzjonali, meta nhar it-Tlieta 10 ta’ Marzu 2009 kienu vvotaw “bil-qalb” kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni Laburista biex jonqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, anke jekk dakinhar kellhom ukoll il-parir tal-imsieħba soċjali kollha biex jagħmlu dan.
Dan sostnieh il-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Josef Caruana.
Iż-żewġ Viċi Kapijiet u s-Segretarju Ġenerali attwali tal-Partit Nazzjonalista, David Agius, Robert Arrigo u Clyde Puli, flimkien mal-eks-Viċi Kapijiet Mario Demarco u Beppe Fenech Adami, u Jason Azzopardi, Fredrick Azzopardi, Mario Galea, Carm Mifsud Bonnici, Chris Said, Stephen Spiteri u Edwin Vassallo kienu lkoll membri tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista bejn l-2008 u l-201, fiż-żmien tal-kontroversja tal-kontijiet esaġerati li l-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi għażel li jimponi fuq il-poplu mingħajr ebda konsultazzjoni.
Minn dakinhar, Gonzi se jibqa’ żgur magħruf li ddikjara, bla ebda mistħija, li kien se jivvota “bil-qalb” kontra l-mozzjoni biex jorħsu l-kontijiet.
Il-mozzjoni kienet tressqet mill-Oppożizzjoni Laburista, immexxija miż-żagħżugħ Joseph Muscat, wara li wkoll kienu ngħaqdu l-unjins kollha, b’instigazzjoni tal-General Workers’ Union, il-GWU, u l-imsieħba soċjali membri fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Edkonomiku u Soċjali kontra tali deċiżjoni li jogħlew il-kontijiet.
Kienu wkoll ġew organizzati protesti f’dan ir-rigward, iżda l-Gvern ta’ dakinhar kien webbes rasu u xorta ddeċieda li jgħaddi romblu minn fuq kulħadd.
Illum dawn l-istess 12-il rappreżentant tal-poplu, li jagħmlu wkoll kważi nofs ir-rappreżentanza Nazzjonalista fl-ogħla istituzzjoni, jinsabu parteċipi fil-kor stunat li jgħid li mhux veru raħsu l-kontijiet mill-Gvern Laburista fl-aħħar leġiżlatura.
Ovvjament ma jemmnux lanqas li €80 miljun qed jintraddu lura lill-familji u n-negozji kull sena, grazzi għal dik id-deċiżjoni għaqlija u li biddlet ir-rotta ta’ pajjiżna. Anzi dawn għandhom l-ardir li jgħidu li l-Gvern attwali qed jisraqna ħajjin permezz tal-power station il-ġdida tal-Electrogas, li taħdem bl-aktar fjuwil nadif fid-dinja flok bil-heavy fuel oil.
Xejn inqas mill-istatistika Ewropea, il-Eurostat, tikkonferma li pajjiżna kellu t-tieni l-akbar roħs fil-kontijiet tal-elettriku mill-2013 s’issa, u llum, ġensna qed iħallas ir-raba’ l-orħos prezzijiet fl-Unjoni Ewropea kollha.
Hu biss il-Partit Nazzjonalista li ma nbidilx lanqas fil-ħsieb tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li, taħt tmexxija ġdida wkoll, ma jistax jaqbad irkaptu tas-sitwazzjoni politika, waqt li l-kredibbiltà tiegħu fost il-poplu għadha qiegħda ddub, temm jgħid Josef Caruana.