Kien fil-21 ta’ Novembru tal-1993, meta f’pajjiżna saret l-ewwel elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. It-Tnejn filgħaxija, f’ċerimonja fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u fil-Palazz tal-President, tfakkru l-25 sena ta’ Gvern Lokali fil-komunitajiet.
F’din iċ-ċerimonja tfakkra l-kunsillieri kollha li servew matul dawn il-25 sena, li m’għadhomx magħna.
Il-President tal-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, qal li l-ikbar weġgħa għal kull kunsillier hi li n-nies jaħsbu fin-negattiv dwarhom u huwa appella li jkun hemm bidla fil-perċezzjon dwar il-Kunsilli.
Il-President ta’ Malta, Marie Louise Colerio Preca, saħqet kif din il-festa qed issir f’post fejn għal tul ta’ żmien serva bħala l-post tar-rappreżentanti tal-poplu, il-Parlament.
Hija qalet li r-rifroma proposta mill-Gvern hija tajba għax il-kunsilliera u ċ-ċittadin huma l-qofol f’din il-White Paper. Il-President qalet li l-Vot 16 huwa espressjoni importanti fejn iż-żgħażagħ ikunu minn ta’ quddiem biex jesprimu ruħhom, filwaqt li qalet li fil-futur tixtieq li anke t-tfal jibdew jaqsmu l-ideat tagħhom fil-komunità.
Il-Ministru Owen Bonnici ta ħajr lill-qraba tal-kunsilliera għax qal li dawn jagħmlu diversi sagrifiċċji għall-qraba tagħhom li jqattgħu ħin sostanzjali jaħdmu għall-komunità tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li l-Gvern alloka €53 miljun lill-Kunsilli Lokali.
“Żġur li f’din ir-riforma se tkun waħda mill-prijoritajiet, li r-reġjuni tagħna se jibdew jaħdmu u se jkollhom baġits għalihom, u responsabilitajiet biex verament il-Kunsilli Lokali nagħmlu Gvern Lokali fil-lokalitajiet tagħna”.
Dwar il-White Paper, is-Segretarju Parlamentari Parnis qal li l-prijorità tar-riforma se tkun li l-Kunsilli jingħataw aktar fondi.