Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alfred Sant, qal lill-Parlament Ewropew li kieku banek minn Ċipru, Greċja jew Malta kienu involuti fl-iskandlu Cum-Ex, il-kritika ma kinitx tkun daqshekk ġentili bħal ma qed tkun mal-banek fl-istati membri l-kbar involuti f’dan l-iskandlu.
L-iskandlu mlaqqam Cum-Ex żvela li grupp organizzat ta’ bankiera seraq aktar minn €55 miljun mill-fondi pubbliċi ta’ għadd ta’ stati membri, l-aktar mill-Ġermanja u Franza, għal dawn l-aħħar 15-il sena bis-saħħa ta’ dawk imsejħa Cum-Ex deals. Ġie żvelat li bankiera, avukati u intermedjarji oħra kienu qed jinnegozjaw ishma u jirċievu rimbors tat-taxxa għal taxxa li qatt ma ġiet imħallsa.
Alfred Sant astjena fuq ir-riżoluzzjoni l-Iskandlu Cum-Ex: Il-kriminalità finanzjarja u n-nuqqasijiet fil-qafas legali attwali, iżda qabel mal-ħtieġa li jitrażżan kull abbuż ta’ skemi ta’ rimbors ta’ taxxa.
Dr Sant qal li jinħolqu l-problemi meta l-miżuri maħsuba biex itemmu dawn il-prattiċi jmorru lil hinn mill-għan tagħhom, u jintużaw bħala pretest biex tkun introdotta l-armonizzazzjoni fit-taxxa. Aktar trasparenza fit-taxxi u l-iskambju ta’ informazzjoni f’dan il-qasam għandhom jitqiesu u għandhom jiġu implimentati bħala soluzzjoni proporzjonata għal kuntest li għalihom qed jiġu applikati, kif ukoll għal effetti li jistgħu joħolqu.
Dr Sant saħaq li l-istati membri għandhom iżommu s-sovranità totali fuq it-taxxi tagħhom. Il-futur tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tat-taxxa għandha tinkludi skambju trasparenti ta’ informazzjoni fuq rimbors tat-taxxa u l-arbitraġġ tad-dividends.
“Huwa pjuttost probabbli li skambju ta’ din ix-xorta juri lill-akbar stati membri, m’hemmx għalfejn insemmu liema huma, li għalqu għajnejhom għal prattiċi abużivi ta’ taxxa, minkejja l-iskala u l-konsistenza tagħhom tul medda ta’ snin. Diffiċli nemmnu mod ieħor. In-‘naming and shaming’ kien ikun daqshekk ġentili li kieku l-banek involuti kienu f’Ċipru, il-Greċja jew Malta? Ma naħsibx.” qal Alfred Sant.
Ir-riżoluzzjoni ġiet approvata b’439 vot favur, 171 vot kontra u 26 astenzjoni.