Spettaklu ta’ 11-il tiġrija fil-korsa tal-Marsa il-Ħadd waranofsinhar hekk kif iż-żwiemel Franċiżi pparteċipaw fis-semi finali tal-Kampjonat Le Trot sabiex jikkwalifikaw għall-finali ta’ kull kategorija li se jsiru l-Ħadd 16 ta’ Diċembru.
Kull tiġrija kienet missielta mill-bidu sat-tmiem fejn bla dubju spikkaw iż-żewġ semi finali tal-Klassi Premier. Fiż-żewġ semi finali rajna it-tieni rebħa konsekuttiva kemm għal Amour du Loup misjuq minn Michael Ellul kif ukoll għal Utopiste misjuq minn Jesmar Gafa’.
Fi Klassi Gold Swan des Tesnieres misjuq minn Julian Farrugia rreġistra it-tieni rebħa konsekuttiva u l-ħames waħda ta’ l-istaġun filwaqt li Un Reve d’Or ħa l-ewwel rebħa tas-sena taħt il-gwida ta’ Jesmar Gafa’ fejn dan is-sewwieq irnexxielu wkoll jirreġistra tripletta.Klassi Silver kellha tliet semi finali b’Uncle Oaks jirreġistra l-ewwel rebħa tiegħu f’Malta misjuq minn Kurt Saliba, Viking’s de Rabet misjuq miż-żagħżugħ Dylan Gatt ħa it-tielet rebħa ta’ l-istaġun f’ħin verament tajjeb għal din il-kategorija u Velin du Roc misjuq minn Charles Camilleri irreġistra it-tielet rebħa konsekuttiva minn daqstant tiġrijiet f’Malta.
L-aqwa żiemel Franċiż ta’ din is-sena kif ukoll l-aktar żiemel konsistenti ta’ l-istaġun Cesar du Bouillon misjuq minn Rodney Gatt irreġistra rebħa oħra sabiex tella t-total għal ħdax bl-aħħar tlieta ikunu infila fl-ewwel semi finali tal-Klassi Bronze bis-semi finali l-oħra tintrebaħ minn Concerto Cehere misjuq minn Charles Camilleri – żiemel ieħor li kellu staġun mill-aqwa b’din tkun it-tielet rebħa konsekuttiva u s-sitt waħda tas-sena f’seba’ dehriet.
Fi Klassi Copper kellna it-tieni rebħa konsekuttiva u staġonali għal Chahuteur misjuq minn Kurt Saliba li rnexxielu jieħu żewġ rebħiet f’dan il-programm u it-tieni reebħa konsekuttiva minn daqstant tiġrijiet għal Desir de Jiel misjuq minn Jesmar Gafa’.
Il-programm ta’ tiġrijiet li jmiss huwa wieħed importanti peress li nhar is-Sibt wara nofsinhar issir it-Tazza tal-President għal klassi Premier fejn dan il-programm jaqa taħt il-Patronċinju ta’ l-E.T. il-President ta’ Malta li mistennija wkoll tkun preżenti sabiex tippremja lir-rebbieħa.
Ritratt: Alex Azzopardi