Ħafna jqisu l-għoti tad-demm u l-organi bħala ġest ta’ altruwiżmu li permezz tiegħu tista’ ssalva ħajjet ħaddieħor.
Christine Grixti, hija mara li ta’ sittax-il sena bdiet tesperjenza problemi f’qalbha, problemi li fi ftit snin wassluha għal bżonn ta’ trapjant tal-qalb.
Ma’ ONE News Christine spjegat kif minkejja hija damet tliet snin tistenna trapjant ta’ qalbha, il-mument li fih ingħatatilha l-aħbar kien wieħed kommoventi ħafna.
Christine Grixti spjegat kif “Kelli telefonata fejn qaluli li x’aktarx instabet qalb. Tistgħu timmaġinaw x’emozzjoni kienet kbira imma fl-istess ħin kelli dieqa, kont naf li la waslet qalb xi ħadd tilef ħajtu”Christine spjegat kif minkejja li kienet instabitilha qalb, sabiex saritilha l-operazzjoni hija kellha bżonn ukoll ammont sostanzjali ta’ demm.
Qalet li “Fil-lejl tal-operation nista’ nimmaġna li waqt l-operation kelli bżonn id-demm. Voldieri qed ngħid li d-demm kien bżonnjuż għalija wkoll. Imma having said that mal-lejl mill-ġimgħa għas-sibt tlift żewġ litri demm”
F’lejl wieħed, Christine rċiviet aktar minn sitt boroż demm u għalhekk saħqet dwar l-importanza li jkun hemm riżerva ta’ demm b’saħħitha.
Spjegat kif tawha d-demm immedjatament u kif kieku ma kienx hemm dak id-demm, hi xorta kienet se tmut – anke wara li rċeviet qalb tajba.
Hija spjegat kif wara xhur ta’ rkupru ħajjitha għamlet pass kbir ’il quddiem u dan grazzi għal ġest altruwistiku tal-qraba tad-donatur.
Hi qalet li “Qed ngħix ħajja bi kwalità aħjar, i mean fejn qabel ma kontx inħoss polz illum qed inħossu, fenj qabel ma kontx nista nimxi mal-familjari, mal-ħbieb, mar-raġel illum il-ġurnata nista nimxi u nagħmel affarijiet li ma kontx nagħmilhom. Dan kollu bis-saħħa ta’ min tagħni l-qalb, id-donatur tiegħi”
Christine temmet billi rringrazzjat lil dawk kollha li bis-saħħa tagħhom issa setgħet tibqa’ tgħix.
Spjegat kif “Lilu nitlob għalih kuljum, il-familjari tiegħu nirringrazzjahom u nitlob lill-bambin iżomm idejh fuqhom, fl-istess ħin ukoll nirringrazzja lil dawk in-nies li ma nafhomx li ħadt id-demm tagħhom ukoll.”